Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa

TITOLU I
TIFSIR U GĦANIJIET TA' L-UNJONI

Artikolu I-1
Stabbiliment ta' l-Unjoni

  1. Ispirata mir-rieda taċ-ċittadini u ta' l-Istati ta' l-Ewropa li jibnu l-futur tagħhom komuni, din il- Kostituzzjoni tistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, li lilha l-Istati Membri jikkonferixxu kompetenzi sabiex jintlaħqu l-għanijiet komuni. L-Unjoni għandha tikkordina l-politika li biha l-Istati Membri għandhom il-ħsieb li jilħqu dawn l-għanijiet, u għandha teżerċita fuq bażi Komunitarja l-kompetenzi li jikkonferixxu lilha.
  2. L-Unjoni għandha tkun miftuħa għall-Istati Ewropej kollha li jirrispettaw il-valuri tagħha u li jimpenjaw ruħhom li jippromwovuhom flimkien.

Artikolu I-2
Il-Valuri ta' l-Unjoni

L-Unjoni hija mibnija fuq il-valuri ta' rispett għad-dinjità tal-bniedem, ta' libertà, ta' demokrazija, ta' ugwaljanza, ta' l-istat tad-dritt u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà karatterizzata mill-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u lugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.